Pubblikazzjonijiet
Ta’ kull sena dan id-Direttorat jipprepara żewġ pubblikazzjonijiet li jitrattaw azzjoni ta’ governanza u li permezz tagħhom jgħarrfu lill-pubbliku dwar it-tħassib identifikat minn Istituzzjonijiet ta’ Sorveljanza – bħall-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Ombudsman. Waqt it-tħejjija tal-pubblikazzjonijiet, id-Direttorat, f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Awditjar Intern u l-Investigazzjoni u l-punti ta’ referenza ministerjali, jara li jiġi żgurat li l-Amministrazzjoni Pubblika twettaq ir-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Awditur Ġenerali b’mod effettiv. Barra minn hekk, id-Direttorat jistudja u jsegwi r-riżultat tal-investigazzjonijiet li jsiru mill-Ombudsman Parlamentari u mill-Kummissarji tiegħu. Bl-għajnuna tal-Uffiċjali ta’ Kuntatt (Liaison Officers) l-Amministrazzjoni Pubblika hija mħeġġa twieġeb lill-Ombudsman fi żmien xieraq.
Konformità
Sabiex wieħed jifhem aħjar il-funzjoni tal-governanza, dan id-Direttorat jinvestiga kull azzjoni li tiġi rrappurtata bħala li ġiet imwettqa fir-rapporti ppubblikati msemmija hawn fuq. Id-Direttorat jagħżel kampjun sabiex jivverifika li l-implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni ġiet imwettqa tassew u b’mod effettiv u, fejn ikun il-każ, jiżgura li qed jiġu segwiti l-politiki u l-proċeduri operattivi standard (SOPs) li jkun hemm fis-seħħ. Barra minn dan, l-uffiċċju joffri l-għajnuna meħtieġa f’diffikultajiet li jinqalgħu sabiex jiġu mplimentati azzjonijiet speċifiċi b’mod effettiv, filwaqt li jiżgura li jkun hemm konformità.
Integrità u Imġieba Etika
Dan id-Direttorat iħaddem l-implimentazzjoni ta' Direttiva 15, li ntroduċiet l-Integrity and Ethics Awareness and Learning Programme (IEAL) u għamlitu mandatorju għal Uffiċjali Pubbliċi li għandhom kariġa li tesponihom għal riskju għoli.
B'effett minn Jannar 2024, il-programm tal-IEAL ġie mġedded u trasformat f'kors formattiv, ibbażat fuq każijiet fattwali li jiġu maqsuma u diskussi wiċċ imb'wiċċ bejn il-parteċipanti matul tliet sessjonijiet ta' laqgħat formattivi.