Id-Direttorat għal Azzjoni ta' Governanza, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, għandu sehem importanti fejn tidħol ir-reviżjoni rigoruża li ssir fuq nuqqasijiet li jkunu ġew identifikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar (NAO) fir-rapport annwali tiegħu dwar fondi pubbliċi. Id-Direttorat jieħu ħsieb ukoll il-moniteraġġ tal-azzjonijiet meħuda mill-Amministrazzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jkun ħarġu mill-NAO sabiex jiġu riżolti jew jittaffew in-nuqqasijiet eżistenti.

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-NAO, li jitratta eżerċizzju ta' verifiki li jkun ikkummissjona fuq is-sena ta' qabel, id-direttorat tagħna jikkomunika ma' kull Ministeru konċernat, fejn tinġibed l-attenzjoni għan-nuqqasijiet identifikati mill-NAO fil-ministeru rispettiv, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jkun għamel. Il-ministeri jiġu mitluba jikkummentaw fi żmien stipulat fuq l-azzjoni li tkun ittieħdet, jew li se tittieħed, sabiex jiġu ndirizzati n-nuqqasijiet u jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-NAO. Ir-reazzjonijiet li jaslu mill-ministeri jiġu mbagħad riferuti lid-Dipartiment tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet (IAID), fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, sabiex jiġi determinat liema verifiki se jinvestigaw min-naħa tagħhom. Il-bqija tal-verifiki jiġu nvestigati mill-uffiċjali tad-Direttorat għal Azzjoni ta' Governanza.

L-uffiċċju tal-IAID joffri wkoll is-sapport u l-parir espert tiegħu tul il-proċess investigattiv. Uffiċjali tal-IAID jipparteċipaw fil-laqgħat ta' għeluq li jiġu organizzati mill-uffiċċju tagħna mar-rappreżentati tal-ministeri, fejn fihom jiġu diskussi bir-reqqa r-reazzjonijiet tal-amministrazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali. Wara l-laqgħat tal-għeluq, l-uffiċċju tagħna jibgħat abbozz tad-dokument ta' pubblikazzjoni lill-ministeri involuti sabiex jipprovdu r-reazzjoni finali tagħhom fuq il-punti diskussi fil-laqgħa ta' għeluq, qabel ma jintbagħat ir-rapport għall-pubblikazzjoni.

 L-aħħar edizzjoni ta' Action on the NAO's Annual Report on Public Accounts 2022 and other NAO reports 2023  ġiet ippubblikata fis-27 ta' Novembru 2024. 

Action on the NAO's Annual Report on Public Accounts 2022 and other NAO Reports 2023 – ftit statistiċi