Il-kontabbiltà u l-governanza tajba fl-amministrazzjoni pubblika jiġu msaħħa bir-rakkomandazzjonijiet li jsiru minn istituzzjonijiet ta’ kontroll esterni. Waħda minn dawn l-istituzzjonijiet huwa l-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari. L-amministrazzjoni pubblika dejjem tilqa’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet li possibilment jistgħu jiġu mplimentati. Din il-kontribuzzjoni siewja sservi sabiex jiġu identifikati oqsma fejn hemm lok għal titjib, is-servizz jiġi mwassal aħjar kif ukoll tixpruna tibdiliet fit-tul bħal ma huma emendi fil-politika u leġiżlazzjoni skont kif meħtieg.
Qabża kbira fl-isforzi sabiex jintlaħqu standards ogħla hija Inizjattiva 52.2 tal-iStrateġija tas-Servizz Pubbliku, li tistipula li konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman trid tintlaħaq f’90 jum.
L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni nkariga lid-Direttorat għal Azzjoni ta’ Governanza sabiex jixtarr il-każijiet imressqa mill-Ombudsman u l-Kummissarji tiegħu fil-konfront ta’ ministeri, dipartimenti u entitajiet u jibqa’ jsegwi kontinwament il-progress.
Il-Ministeri huma obbligati li kull tliet xhur jirrappurtaw lil dan id-Direttorat il-każijiet ġodda li jidħlu f’dik is-sena partikolari,f’liema stadju waslu u jirrappurtaw ukoll il-progress li jkun sar f’każijiet pendenti mis-snin ta’ qabel. L-uffiċjali tagħna, flimkien mal-kontropartijiet fil-ministeri, jinvestigaw kull każ u jibqgħu jaġġornaw fuq il-progress milħuq sakemm ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, jekk tiġi aċċettata, titwettaq kompletament.
Id-Direttorat għal Azzjoni ta’ Governanza jagħmel laqgħat ta’ għeluq mar-rappreżentanti tal-ministeri involuti sabiex isiru xi kjarifikazzjonijiet qabel ma jsir l-abbozz finali tar-rapport bi tweġiba għar-rapport annwali tal-Ombudsman tas-sena ta’ qabel.
L-edizzjoni l-iktar riċenti ta’ Governance Action on the Parliamentary Ombudsman’s Annual Report 2022 , ġiet ippubblikata fit-13 ta’ Marzu 2024.